Ittra tal-Papa lill-Isqfijiet


http://aamdispatch.org/wp-content/uploads/220px-Benedykt_xvi-crop2.jpg 

Ittra tal-Qdusija Tiegħu Benedittu XVI lill-isqfijiet fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni ta’ l-Ittra Appostolika Summorum Pontificum mogħtija Motu Proprio dwar l-użu tal-Liturġija Rumana ta’ qabel ir-riforma li seħħet fl-1970





Għeżież Ħuti fl-Episkopat,

B’fiduċja u tama kbira qiegħed ngħaddilkom bħala Rgħajja it-test ta’ Ittra Appostolika ġdida, mogħtija Motu Proprio dwar l-użu tal-Liturġija Rumana ta’ qabel ir-riforma ta’ l-1970. Id-dokument huwa frott ta’ riflessjoni twila, ħafna konsultazzjoni u talb.

Xniegħat u ġudizzji magħmula mingħajr it-tagħrif meħtieġ wasslu għal konfużjoni mhux żgħira. Kien hemm reazzjonijiet diverġenti għall-aħħar, li jvarjaw minn aċċettazzjoni ferrieħa għal oppożizzjoni ħarxa, dwar pjan li l-kontenut tiegħu kien [għad] fil-verita` mhux magħruf.

Dan id-dokument kien l-aktar attakkat direttament minħabba żewġ beżgħat li jien, f’din l-ittra, nixtieq nindirizzahom mill-qrib.

L-ewwelnett, hemm il-biża’ li hawnhekk qed tiġi mimsusa l-awtorita` tal-Konċilju Vatikan II, u li waħda mid-deċiżjonijiet essenzjali tiegħu – ir-riforma liturġika – kienet se tkun iddubitata. Dan huwa biża’ bla bażi.

F’dan ir-rigward jeħtieġ qabel xejn jingħad illi l-Missal ppubblikat minn Pawlu VI u mbagħad ppubblikat mill-ġdid f’żewġ edizzjonijiet oħra minn Ġwanni Pawlu II, huwa u jibqa`, bla dubju, il-forma normali – il-forma ordinaria – tal-Liturġija Ewkaristika. L-aħħar verżjoni tal-Missal Ruman qabel il-Konċilju, li kienet ġiet ippubblikata fl-1962 fuq awtorita` ta’ Papa Ġwanni XXIII u utilizzata matul il-Konċilju, tista’, minflok, tiġi użata bħala forma extraordinaria taċ-Ċelebrazzjoni liturġika. Mhuwiex floku li wieħed jitkellem minn dawn iż-żewġ verżjonijiet tal-Misssal Ruman bħal kieku kienu “żewġ Riti”. Qed nitkellmu pjuttost minn użu doppju ta’ l-istess Rit wieħed. Fir-rigward ta’ l-użu tal-Missal ta’ l-1962 bħala forma straordinarja tal-Liturġija tal-Quddiesa, nixtieq niġbed l-attenzjoni lejn il-fatt illi dan il-Missal qatt ma kien ġie ġuridikament abrogat u, għalhekk, bi prinċipju, baqa’ dejjem permess. Fiż-żmien li ddaħħal il-Missal il-ġdid, ma deherx illi kien hemm il-ħtieġa li jinħarġu normi speċifiċi dwar il-possibilita` li jintuża l-Missal ta’ qabel.

Probabilment inħaseb illi kienet se tkun materja ta’ ftit każi individwali li jkunu solvuti, każ b’każ, fuq livell lokali. Iżda wara malajr deher ċar illi numru mhux ħażin ta’ nies kienu baqgħu marbutin bis-sħiħ ma‘ dan l-użu tar-Rit Ruman li għalihom kien sar familjari sa minn ċkunithom.

Dan ġara, b’mod speċjali, fil-pajjiżi fejn il-Moviment Liturġiku kien ta lil ħafna persuni formazzjoni liturġika qawwija u affinita` intima mal-forma taċ-Ċelebrazzjoni Liturġika ta’ qabel. Aħna lkoll nafu illi fi ħdan il-moviment immexxi mill-Arċisqof Lefebvre, il-fedelta` lejn il-Missal l-antik saret marka esterna t’identita`; għalkemm ir-raġunijiet għal din il-qasma li nibtet dwar dan, qegħdin fuq livell aktar profond. Bosta persuni li b’mod ċar kienu aċċettaw il-karattru obbligatorju tal-Konċilju Vatikan II u li kienu fidili lejn il-Papa u lejn l-Isqfijiet, xorta waħda xtaqu wkoll li jerġgħu jiskopru il-forma tal-Liturġija Mqaddsa li kienet għal qalbhom; dan anzi ġara għaliex f’bosta postijiet iċ-ċelebrazzjonijiet ma kienux qed ikunu fidili għal dak li jitlob il-Missal il-ġdid, anzi dan ġie magħdud bħala li jawtorizza jew saħansitra jobbliga l-innovazzjoni, li spiss wasslet għal deformazzjonijiet bil-kemm tissaportihom tal-Liturġija. Qiegħed nitħaddet mill-esperjenza, il-għaliex jiena wkoll għext dak il-perjodu bit-tamiet u t-taħwid kollu tiegħu. U rajt kemm nies, li kienu totalment ankrati fil-fidi tal-Knisja, ġew imweġġgħa mid-deformazzjonijiet arbitrarji tal-Liturġija.

Papa Ġwanni Pawlu II kien għalhekk ħassu obbligat illi jipprovdi, permezz tal-Motu Proprio Ecclesia Dei tat-2 ta’ Lulju 1988, linji gwida dwar l-użu tal-Missal ta’ l-1962; li pero` ma kienx fihom preskrizzjonijiet dettaljati, iżda kien appella b’mod ġenerali għall-ġenerożita` ta’ l-Isqfijiet versu “l-aspirazzjonijiet ġustifikati” ta’ dawk il-fidili li kienu qed jitolbu l-użu tar-Rit Ruman. F’dak il-waqt il-Papa ried qabel kollox igħin lill-Fraternita` San Piju X biex tiskopri mill-ġdid l-għaqda sħiħa mas-Suċċessur ta’ Pietru, u jfittex li jfejjaq ġerħa li kienet qed tinħass dejjem aktar ta’ weġgħa. Sfortunatament din ir-rikonċiljazzjoni s’issa għadha ma seħħitx; madankollu għadd ta’ komunitajiet bi gratitudni għamlu użu mill-possibilitajiet ta’ dan il-Motu Proprio. Iżda baqgħet diffiċli l-kwestjoni ta’ l-użu tal-Missal ta’ l-1962 ‘l barra minn dawn il-gruppi minħabba nuqqas ta’ normi ġuridiċi preċiżi, primarjament għaliex ħafna drabi l-Isqfijiet, f’dawn il-każi, beżgħu illi l-awtorita` tal-Konċilju kienet ser titqiegħed fid-dubju.

Immedjatament wara l-Konċilju Vatikan II kien maħsub illi t-talbiet għall-użu tal-Missal ta’ l-1962 kienu ser ikunu limitati għal ġenerazzjoni iktar anzjana li kienet trabbiet miegħu, imma sadattant ħareġ ċar illi anke ż-żgħażagħ qegħdin jiskopru din il-forma liturġika, qed iħossuhom miġbudin lejha u sabu fiha forma ta’ nkontru, partikolarment addattat għalihom, mal-Misteru ta’ l-Ewkaristija Mqaddsa. B’hekk nibet il-bżonn għal regolamentazzjoni ġuridika iktar ċara, li ma kienitx prevista fi żmien il-Motu Proprio ta’ l-1988. Dawn in-normi huma ntiżi wkoll li jeħilsu lill-Isqfijiet milli kontinwament joqogħdu jgħarblu kif se jwieġbu għad-diversi sitwazzjonijiet.

It-tieni: Fid-diskussjonijiet dwar il-mistenni Motu Proprio kienet intweriet il-biża’ illi l-possibilita’ ta’ użu ikbar tal-Missal ta’ l-1962 kien se jwassal għal diżgwid jew saħansitra firdiet fil-komunitajiet parrokkjali. Anke dan il-biża’ ma jidhirlix li huwa minnu. L-użu tal-Missal il-qadim jippresupponi ċertu grad ta’ formazzjoni liturġika u aċċess għall-ilsien Latin; kemm il-waħda u kemm l-oħra ma jinstabux hekk ta’ spiss. Jidher diġa` biċ-ċar minn dawn il-presuppożizzjonijiet konkreti illi l-Missal il-ġdid ċertament se jibqa` l-forma ordinarja tar-Rit Ruman, mhux biss minħabba n-normi ġuridiċi, iżda wkoll minħabba s-sitwazzjoni attwali li jinsabu fiha l-komunitajiet tal-fidili.

Huwa minnu illi ma jonqsux l-esaġerazzjonijiet u xi drabi [wkoll] aspetti soċjali marbutin iżżejjed ma’ l-attitudni tal-fidili [li huma] mwaħħdin mat-tradizzjoni liturġika Latina l-antika. L-imħabba u l-prudenza
pastorali tagħkom għandha tkun stimolu u gwida għal tisħiħ. Mill-bqija iż-żewġ forom ta’ l-użu tar-Rit Ruman jistgħu jarrikkixxu lil xulxin: fil-Missal il-qadim jistgħu u għandhom ikunu mdaħħla qaddisin ġodda u xi wħud mill-prefazji l-ġodda. Il-Kummissjoni Ecclesia Dei, f’kuntatt mad-diversi entitajiet dedikati għal usus antiquior (l-użu ta’ qabel) trid tistudja l-possibilitajiet prattiċi. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa skond il-Missal ta’ Pawlu VI tista’ timmanifesta ruħha b’mod aktar qawwi minn kif spiss qatt ma kien sa issa, dik is-sagralita` li tiġbed tant nies lejn l-użu l-antik. Il-garanzija l-aktar żgura li l-Missal ta’ Pawlu VI jista’ jgħaqqad il-komunitajiet parrokkjali u jsir maħbub minnhom tikkonsisti fiċ-ċelebrazzjoni b’riverenza kbira, f’konformita` mal-preskrizzjonijiet [liturġiċi]; dan juri fid-deher l-għana spiritwali u l-profondita` teoloġika ta’ dan il-Missal.

Wasalt għalhekk għal dik ir-raġuni pożittiva li lili wasslitni biex permezz ta’ dan il-Motu Proprio naġġorna dak [l-ieħor] ta’ l-1988. Din hija kwistjoni ta’ proċess lejn rikonċiljazzjoni nterna fi ħdan il-Knisja. B’ħarsitna lejn l-imgħoddi, lejn il-firdiet li mal-mixja tas-sekli ċarrtu l-Ġisem ta’ Kristu, wieħed kontinwament jieħu l-impressjoni illi f’mumenti kritiċi fejn kienet qed tinbet il-firda, ma kienx sar biżżejjed minn naħa ta’ dawk responsabbli fil-Knisja biex iħarsu jew jiksbu r-rikonċiljazzjoni u l-għaqda; wieħed jieħu l-impressjoni illi l-ommissjonijiet minn naħa tal-Knisja kellhom il-parti tagħhom ta’ ħtija għall-fatt li dawn il-firdiet komplew jissaħħu. Din il-ħarsa lejn limgħoddi tgħabbina bi dmir: li nagħmlu l-isforzi kollha sabiex għal dawk li tassew għandhom ix-xewqa ta’ l-għaqda ikun possibli li jibqgħu f’din l-unita` jew li jiskopruha mill-ġdid. Tiġini f’moħħi silta mit-Tieni Ittra lill-Korintin, fejn Pawlu jikteb: ”Nies ta’ Korintu, fommna kellimkhom ċar, u qalbna hija għal kollox miftuħa għalikom. Fina ma hemmx djieq għalikom, iżda hija qalbkom li hija dejqa għalina...Issa pattulna, billi intom ukoll twessgħu qlubkom!” (2 Kor 6, 11-13). Tassew li Pawlu qal dan f’kuntest ieħor, iżda l-istedina tiegħu tista’ u għandha tolqot lilna lkoll, preċiżament fuq dan is-suġġett. Ejjew ġenerożament niftħu qlubna u nħallu jidħol dak kollu li l-fidi toffrilu wisa’.

Ma hemm ebda kontradizzjoni bejn l-edizzjoni u l-oħra tal-Missal Ruman. Fil-ġrajja tal-Liturġija hemm tkabbir u progress, imma ebda qtugħ. Dak li għall-ġenerazzjonijiet ta’ qabel kien qaddis, jibqa’ qaddis u kbir anke għalina, u ma jistax f’daqqa waħda ikun għal kollox ipprojbit, jew saħansitra magħdud bħala ta’ ħsara. Ikun ta’ ġid għalina lkoll li nippreservaw ir-rikkezzi li xxettllu fil-fidi u fit-talb tal-Knisja, u li nagħtuhom il-post li jixirqilhom. Tabilħaqq, biex jgħixu għaqda sħiħa, anke s-saċerdoti tal-Komunitajiet li huma marbuta mal-forma l-qadima ma jistgħux, bi prinċipju, jeskludu ċ-ċelebrazzjoni skond il-kotba l-ġodda. L-esklużjoni totali tar-rit il-ġdid ma tkunx għalhekk konsistenti ma’ l-aċċettazzjoni tal-valur u l-qdusija tiegħu.

Bħala għeluq, għeżież Ħuti, nixtieq nenfasizza li dawn in-normi ġodda b’ebda mod ma jnaqqsu l-awtorita` u r-responsabbilta` tagħkom, la dwar il-Liturġija u l-anqas dwar il-ħarsien tal-fidili tagħkhom. Kull Isqof infatti huwa il-moderatur tal-Liturġija fid-djoċesi tiegħu (cfr. Sacrosanctum Concilium, n. 22: “It-treġija tal-Liturġija Mqaddsa hija biss marbuta ma’ l-awtorita` tal-Knisja, li qiegħda fis-Sede Appostolika u skond id-dritt fl-Isqof”).

Xejn għalhekk mhu se jintmess mill-awtorita` ta’ l-Isqof li xogħlu xorta jibqa’ dak li jgħasses biex kollox jimxi ‘l quddiem fil-paċi u s-sliem. Jekk ikollha tinbet xi problema li l-kappillan ma jkunx jista` jirrisolvi, l-Ordinarju tal-post jista’ dejjem jintervjeni, f’armonija sħiħa pero` ma’ kif stabbilit min-normi l-ġodda tal-Motu Proprio.

Barra minn hekk, nistedinkom, għeżież Ħuti, sabiex tliet snin wara d-dħul in vigore ta’ dan il-Motu Proprio, intom tiktbu rapport lis-Santa Sede dwar l-esperjenzi tagħkom. Jekk tassew ikunu tfaċċaw diffikultajiet serji, jistgħu jiġu mfittxija mezzi biex jinstab rimedju.

Għeżież Ħuti, bi gratitudni u fiduċja, qed nafda lill-qalb tagħkom bħala Rgħajja dawn il-paġni u n-normi tal-Motu Proprio. Ejjew dejjem niftakru il-kliem ta’ l-Appostlu Pawlu lill-presbiteri ta’ Efesu: “Mela għassu fuqkom infuskom u fuq il-merħla kollha li f’nofsha qiegħdkom l-Ispirtu s-Santu bħala Isqfijiet biex tirgħu il-Knisja ta’ Alla li hu kiseb bid-demm ta’ Ibnu (Atti 20,28).

Jiena nafda dawn in-normi ġodda fl-interċessjoni qawwija ta’ Marija, u mill-qalb nagħti l-Barka Appostolika Lilkhom, għeżież Ħuti, lill-kappillani tad-djoċesijiet tagħkom, u lis-saċerdoti kollha, kollaboraturi tagħkom, kif ukoll lill-fidili kollha tagħkom.

Mogħti minn San Pietru, nhar is-7 ta’ Lulju 2007.

Papa Benedittu XVI